Ġeografija u Storja

Ġeografija

Il-Qala tinfirex fuq il-parti l-kbira tan-naħa tal-Lvant tal-gżira Għawdxija u tkopri medda ta’ 5.85 kilometri kwadri. Għandha popolazzjoni medja ta’ 2100 ruħ u tikklassifika bħala wieħed mill-irħula ta’ daqs medju ta’ Għawdex. Dan ir-raħal għandu ġeoloġija unika peress li huwa l-uniku raħal fil-gżejjer Maltin fejn wieħed jistajsib depożiti tal-ħames strati kollha tal-blat Malti. Il-Qala tinkludi wkoll fil-limiti tagħha, l-akbar konċentrazzjoni ta’ widien fondi fil-gżejjer Maltin. Wieħed mill-iktar widien fondi jgħaddi miċ-ċentru tar-raħal; dan il-wied u oħrajn usa’ u pittoreski jagħtu lok għal għoljiet li jiffurmaw l-orizzont tal-Qala, orizzont simili ħafna għal dak li jidher fuq l-emblema ta’ Għawdex.

Storja

In-nies li kkolonizzaw Għawdex l-ewwel x’aktarx għexu fl-għerien magħrufa bħala Il-Mixta fuq l-għolja ta’ Għajn Għabdun fil-Majjistral ta’ Għawdex. Dan il-grupp malajr infirex fit-tfittxija ta’ art agrikola u l-inħawi preżenti magħrufa bħala tal-Qala, bil-ħamrija għammiela tagħha malajr ġiet abitata.  

Seta’ wkoll ittella’ tempju fiż-żona li preżentement insibuha bħala l-Qala. Illum fadal biss Menhir, iżda xi fdalijiet tal-fuħħar miġbura mill-qrib jissuġġerixxu li din il-ġebla hija possibbilment l-uniku element li fadal ta’ struttura megalitika tal-Perjodu tat-Tempju.  

Fl-1920, dawk li x’aktarx kienu oqbra Puniċi, ġew skoperti f’post magħruf bħala Fuq il-Għerien, qrib Ta’ Toċċ. 

Barra minn hekk, inkixfu żewġ oqbra puniċi bi fdalijiet tal-fuħħar biswit il-kappella tal-Immakulata Kunċizzjoni fl-1964 u kien hemm aktar fl-istess żona li qatt ma ġew irrappurtati lill-awtoritajiet. Dawn l-iskoperti jissuġġerixxu attività fiż-żona fi żmien Puniku. 

Fdalijiet Puniċi u Rumani nstabu minn żmien għal żmien f’diversi postijiet tar-raħal, fosthom prominenti tkun is-sejba ta’ oqbra antiki qrib wied il-Marga. 

Id-difiża tax-xatt tal-Lvant ta’ Għawdex ġiet imsaħħa ħafna fis-snin 1730 bil-bini f’Ras il-Qala tal-Batterija ta’ Sant’Anton, li l-Qalin jirreferu għaliha bħala ‘It-Trunċiera. 

Il-batterija tinsab fit-tarf tal-Lvant ta’ Għawdex.  

Ix-xogħol ta’ kostruzzjoni sar matul l-1732 taħt id-direzzjoni tal-inġinier militari tal-Ordni Charles de Mondion. Iskrizzjoni tqiegħdet fl-1732, meta Paolo Antonio de Viguier kien Gvernatur ta’ Għawdex. 

Fl-10 ta’ Ġunju 1798, il-Franċiżi, taħt il-Ġeneral Napuljun Bonaparte, okkupaw Malta u Għawdex. L-abitanti tal-Qala kif ukoll il-bhejjem tagħhom marru għar-refuġju li kienet toffri l-Forti Chambray.  

Fil-5 ta’ Settembru 1800, l-Ingliżi ħadu l-gżejjer Maltin taħt il-protezzjoni tagħhom. Fis-16 ta’ Settembru 1864, mhux mingħajr l-appoġġ Brittaniku, Għawdex u Kemmuna ġew dikjarati bħala djoċesi awtonoma. Imwieled ġewwa l-Qala – Dun Mikiel Franġisk Buttigieg ġie elett l-ewwel isqof ta’ Għawdex. Il-popolazzjoni sa dak iż-żmien kienet żdiedet konsiderevolment u, fl-1872, il-Qala saret parroċċa indipendenti. L-istatus tal-art ġie elevat għal dak ta’ raħal jew villaġġ. 

L-Ingliżi maż-żmien ittrasformaw il-gżejjer Maltin f’fortizza kolonjali. Ir-reżistenza tal-Ingliżi u l-Maltin għall-bumbardamenti talAxis matul it-tieni Gwerra Dinjija saret leġġenda. Bejn l-1940 u l-1942 tħaffru erbatax-il xelter mal-Qala kollha bi spiża totali ta’ 8050 lira sterlina. Ġie kkalkulat li setgħu jakkomodaw 97% tal-popolazzjoni tar-raħal li fl-1942 kienet dik ta’ 1,720 ruħ. Ir-raħal ma sofra l-ebda attakk dirett, iżda ħdax-il Qali miet bħala riżultat ta’ azzjoni tal-għadu matul it-Tieni Gwerra Dinjija; il-maġġoranza waqt li kienu qed jaħdmu fuq vapuri tal-merkanzija.